L-iSkema Irrinova darek hija mifruxa fuq ħames snin sabiex twassal għal titjib fl-effiċjenza tal-enerġija fil-bini ta’ pajjiżna, filwaqt li tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji bi dħul baxx u medju. Din l-iSkema hi amministrata mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), u torbot mal-miri tal-klima Nazzjonali u Ewropej sabiex jitnaqqas l-użu tal-enerġija fid-djar u l-emissjonijiet.
Għanijiet u Miri
L-iSkema tippromwovi rinovazzjonijiet li jwasslu għall-effiċjenza fl-enerġija fi proprjetajiet residenzjali u tibni fuq il-proġett pilota tas-sena 2022, bil-għan li twassal li jintlaħqu l-miri Nazzjonali u Ewropej fl-enerġija, b’mod partikolari, għal familji bi dħul baxx u medju.
Reġjun għas-sena 2026: Reġjun tan-Nofsinhar
Lokalitajiet: Birżebbuġa, il-Fgura, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Ħamrun, Ħal Luqa, Marsaskala, Marsaxlokk, Ħal Qormi, Raħal Ġdid, Santa Luċija, Santa Venera, Ħal Tarxien, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun.
Proċess ta’ Applikazzjoni
L-Ewwel Fażi: Reġistrazzjoni (19 ta’ Jannar sat-28 ta’ Frar)
- Sottomissjoni tal-Karta tal-Identità, pjanta tas-sit, u kuntratt finali tax-xiri tal-proprjetà. L-applikazzjoni ssir permezz onlajn fuq dan is-sit.
It-Tieni Fażi: Applikazzjoni sħiħa
- Tella’ l-EPC, ritratti tal-faċċata, BoQ, u dokumenti tekniċi.
- Rifużjoni sa massimu ta’ €875, wara s-sottomissjoni tad-dokumenti, sabiex ikopru l-ħlas ta’ professjonisti, anke jekk il-proprjetà ma tilħaqx il-livelli rikjesti fl-iSkema.
It-Tielet Fażi: il-Kuntratt u r-Rinovazzjoni
- Iffirmar u sottomissjoni tal-kuntratt
- Notifika lill-BCA 5 t’iijiem qabel jibdew ix-xogħlijiet
Xogħlijiet eliġibbli
- Bdil ta’ aperturi
- Insulazzjoni tal-binja
- Insulazzjoni tal-bejt
- Insulazzjoni ta’ soqfa esposti u kif ukoll spazji mhux ikundizzjonati
- Installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli
- Kontroll tal-arja u l-kurrenti
- Innovazzjonijiet li joffru d-dell
- Installazzjoni ta’ sistemi ta’ ilma tat-tieni klassi
- Bdil ta’ sistemi jew partijiet ta’ sistemi, ta’ arja-kundizzjonata u ventilazzjoni, għall-oħrajn aktar effiċjenti.
- Installazzjoni ta’ dwal aktar effiċjenti u sistemi li jipprovdu d-dħul ta’ dawl naturali
- Installazzjoni ta’ water heater, solar water heater jew heat-pump water heater.
Xogħlijiet Mhux Eliġibbli
- Xogħlijiet barra mill-partijiet tal-binja li ġew approvati
- Proprjetajiet kummerċjali
- Proprjetajiet mhux residenzjali
- Binjiet li għandhom każi ta’ infurzar jew permessi pendenti
- Xogħol dekorattiv jew ta’ kmamar tal-banju jew kċejjen li ma għandux x’jaqsam ma’ effiċjenza fl-enerġija
- Proprjetajiet li diġà ibbenefikaw minn skemi oħra ta’ rinnovazzjoni fl-aħħar 5 snin
- Proprjetajiet li għandhom boilers li jaħdmu b’fossil fuels.
Finanzjament tal-iSkema
L-għotjiet ikopru 75% tal-ispejjeż eliġibbli filwaqt li għal dawk li jibbenefikaw mill-Inwork Benefit l-għotja se tkun ta’ 90%.
| Benefiċjarji | Ko finanzjament |
|---|---|
| Koppji jew Persuni singoli li jieħdu l-‘In-Work Benefit’* | 90% |
| Koppji jew Persuni singoli li ma jieħdux l-‘In-Work Benefit’ | 75% |
* L-In-Work Benefit huwa mfassal biex jappoġġja familji bi tfal dipendenti taħt it-23 sena, u d-dħul tagħhom ma jeċċedix ċertu ammont. Dwar dan il-benefiċċju wieħed għandu jirrikorri fiċ-ċentri lokali tas-servizz.gov
- Għotja: Sa massimu ta’ €15,000
- Ħlas ta’ servizzi professjonali: Sa massimu ta’ €875 (mifruxa fi stadji differenti)
- Sistemi ta’ Panelli Solari: Ko-finanzjament ta’ 50%
- Solar/Heat Pump Water Heater: Għotja addizzjonali sa €1,000.
Moniteraġġ u Pagamenti
- Il-BCA tista’ tagħmel spezzjonijiet
- Possibilità ta’ ħlas interim sa 50%
- Pagament finali wara t-tlestija tax-xogħlijiet, EPC audit, u verifikazzjoni tal-irċevuti
- Sottomissjoni tal-irċevuti u tlestija tax-xogħlijiet sal-15 ta’ Mejju 2027
- Il-Pagamenti se jsiru abbażi tax-xogħlijiet kif imniżżla fl-ittra ta’ approvazzjoni
