Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar permezz tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Avviż Legali li se joffri qafas għal-Liċenzjar tal-Kuntratturi. L-iskop ta’ din ir-riforma hu li tassigura regolamentazzjoni aħjar għas-settur tal-kostruzzjoni, kwalità aħjar u aktar infurzar. Sal-lum, l-unika liċenzja f’dan il-qasam kienet il-liċenzja tal-bennej, introdotta fis-seklu 19.
Qed jiġi propost li l-operaturi kollha fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni jibdew japplikaw għal-liċenzja li se tinħareġ mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni mill-1 ta’ Ġunju 2023. Biex kuntrattur ikun jista’ jaħdem f’dawn it-tliet oqsma, trid tkun ġiet sottomessa applikazzjoni sal-31 ta’ Ottubru 2023. Dawk li jonqsu milli japplikaw sal-31 ta’ Ottubru 2023, għandhom mill-1 ta’ Novembru 2023 ’il quddiem ma jkunux jistgħu joperaw. Biex jopera, kuntrattur irid japplika u l-kumitat imwaqqaf għal-liċenzjar tal-kuntratturi għandu joħroġ clearance proviżorja. Dawk li japplikaw wara l-1 ta’ Ġunju 2024, biex jibdew joperaw f’dawn it-tliet setturi, irid ikollhom liċenzja biex joperaw. Mill-1 ta’ Jannar 2025 il-kuntratturi kollha jrid ikollhom liċenzja biex ikunu jistgħu jaħdmu f’dawn l-oqsma.
Filwaqt li l-proċess tal-applikazzjoni għadu għaddej, l-Awtorità se jkollha d-dritt li tissospendi u eventwalment tirrifjuta applikazzjoni jew clearance proviżorja bil-konsegwenza li l-kuntrattur ma jkunx jista’ jkompli jaħdem, u jkollu jerġa’ jissottometti applikazzjoni ġdida għal liċenzja.
Il-kuntrattur ikun obbligat fost oħrajn, li jaħdem skont id-direttivi tal-perit, skont il-‘method statement’ u kull Regolament jew direttiva maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Kuntrattur jista’ jaħdem biss f’dak il-qasam li għalih tkun inħarġet liċenzja u jista’ jkollu aktar minn liċenzja waħda sakemm jiġu sodisfatti l-kriterji meħtieġa.
Kemm l-individwi, kif ukoll il-kumpaniji, involuti fit-tliet setturi tal-industrija tal-kostruzzjoni jridu japplikaw għal liċenzja. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi minn individwi jew kumpaniji reġistrati minn kwalunkwe Stat Membru Ewropew. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi wkoll minn entitajiet li ġejjin minn pajjiżi terzi. L-applikanti jrid ikollhom aktar minn tmintax-il (18) sena.
Min irid jipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika għandu jaċċessa Liċenzjar ta’ Kuntratturi – meta jkun hemm abbozz tal-Avviż Legali. Tista’ tibgħat l-opinjoni tiegħek permezz ta’ email lil: [email protected]
