Liċenzjar tal-Kuntratturi

Dettalji tal-Konsultazzjoni

Ippubblikat: 13 ta’ Marzu 2023
Data tal-għeluq: 21 ta’ April 2023

Sfond

L-iżvilupp infrastrutturali sinifikanti esperjenzat lokalment matul l-aħħar għaxar snin ra l-industrija tal-kostruzzjoni tevolvi f’pilastru għall-ekonomija tagħna u ċavetta għat-tkabbir kontinwu tal-pajjiż. Issa hija intrinsikament konnessa mas-suq immobiljari tagħna, mas-settur turistiku, mal-industriji tal-bejgħ bl-imnut u tal-ospitalità. L-għajxien ta’ ekosistema wiesgħa ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u intrapriżi żgħar huwa marbut mill-qrib maċ-ċiklu tal-industrija tal-kostruzzjoni.

Fis-sostenn tax-xejriet attwali tat-tkabbir u l-garanzija tas-sikurezza għall-ħaddiema, l-operaturi, u l-utenti aħħarin, is-settur jeħtieġ sett ta’ standards. Standards li għandhom tabilħaqq jiżguraw sikurezza mtejba, jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont u b’mod ġenerali jgħollu l-profil professjonali tas-settur kollu. Il-professjonalizzazzjoni ulterjuri tal-industrija tal-kostruzzjoni hija l-pass loġiku li jmiss lejn is-simentazzjoni tal-istatus tal-pajjiż bħala destinazzjoni ta’ livell għoli.

Ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-industrija tal-kostruzzjoni. Sal-lum l-unika liċenzja disponibbli fir-rigward ta’ dawn it-tliet attivitajiet hija dik tal-bennej liċenzjat li ma jkoprix l-attivitajiet kollha ta’ kostruzzjoni li ilhom isiru għal ħafna snin minkejja n-natura distintiva tad-diversi attivitajiet imwettqa mill-operaturi u r-riskji kbar assoċjati kemm għall-operaturi kif ukoll għal partijiet terzi.

Il-liċenzjar huwa meħtieġ biex jiġu stabbiliti responsabbiltajiet inekwivokabbli fuq l-operaturi, jiġi żgurat li l-ħiliet fi ħdan is-settur jittejbu u biex jingħataw aktar setgħat ta’ infurzar lill- L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni f’każijiet fejn il-kuntratturi jkunu qed jiksru r-regolamenti.

Sottomissjoni tal-input

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tistieden lill-pubbliku u lil dawk interessati biex jibagħtu l-kummenti u l-feedback tagħhom relatati mal-Abbozz tar-Regolamenti dwar il-Liċenzjar tal-Industrija tal-Kostruzzjoni. Ir-rappreżentazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ imejl fuq: [email protected]. Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-21 ta’ April 2023. Grazzi tal-input tiegħek.

Messaġġ tal-Kap Eżekuttiv tal-BCA