Il-bidla fir-regoli tal-liċenzja tal-bennejja li ttellgħet għall-Konsultazzjoni Pubblika, tiddefinixxi x’ħiliet irid ikollha persuna biex taħdem bħala bennej f’Malta. Irridu li t-taħriġ jassigura li kemm dawk li se japplikaw għal-liċenzja għall-ewwel darba kif ukoll dawk li diġa’ ġabu l-liċenzja jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu aktar konxji tal-aħjar prattiċi fil-qasam tal-bini.
Dan ħabbru l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta dettalji dwar din ir-riforma. Qal li dan huwa pass ieħor f’sensiela ta’ riformi bil-għan li jirregolaw il-qasam tal-kostruzzjoni u jtejbu l-kwalità fis-settur.
Dawn ir-regolamenti qed jikkumplimentaw ir-regolamenti l-ġodda li ġew introdotti minn dan il-Gvern, rigward l-obbligu tal-liċenzjar tal-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni. B’dan, huwa l-ewwel Gvern li daħħal għall-ewwel darba l-liċenzja tal-kuntratturi li tpoġġi numru ta’ obbligi li qabel ma kinux jeżistu.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-bidla hija maħsuba biex tiċċara l-ħiliet u r-responsabbiltajiet ta’ dawk li għandhom il-liċenzja ta’ bennej, filwaqt li toħloq ukoll aktar mezzi ta’ infurzar għal meta bennej ma jaqdix dmiru bħala bennej liċenzjat. Għalhekk, qed inkomplu nassiguraw li f’kull livell ta’ dan is-settur ikun hemm responsabbiltajiet ċari u stabbiliti. Għax filwaqt li rridu nipproteġu lill-ħaddiema, irridu nkomplu ngħollu l-kwalità f’dan is-settur.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li l-Abbozz ta’ Avviż Legali dwar ir-Regolamenti tal-liċenzji tal-Bennejja jinkludi l-kriterji li bihom wieħed jista’ jikseb il-liċenzja u hemm elenkati wkoll ir-responsabbiltajiet li kull bennej liċenzjat irid jassumi inkluż li jkun preżenti fuq il-post tax-xogħol. Se jidħol ukoll l-obbligu tat-taħriġ għall-bennejja, kemm dawk li diġà huma liċenzjati u għandhom iġedduh kif ukoll dawk li japplikaw għall-ewwel darba. Dan biex il-bennejja liċenzjati jkomplu jiġu aġġornati bit-tibdil li qed iseħħ fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, Jesmond Muscat li spjega li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollha kumitat apposta li jibda joħroġ dawn il-liċenzji. Il-kumitat se jkun magħmul minn 5 membri, li 2 minnhom iridu jkunu Periti. Il-funzjoni ta’ dan il-kumitat tinkludi li filwaqt li joħroġ liċenzja għall-bennej, jimplimenta wkoll direttivi maħruġa mill-BCA Board, fosthom l-organizzazzjoni tal-eżami fit-teorija u fil-prattika.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sat-Tnejn 4 ta’ Settembru, 2023. L-abbozz tal-Avviż Legali jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku konsultazzjoni.gov.mt fejn wieħed jista’ jħalli wkoll il-kummenti jew is-suġġerimenti tiegħu. L-emails jistgħu jintbagħtu wkoll lil: [email protected].
