F’laqgħa mal-ġurnalisti, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ regolamenti ġodda dwar il-liċenzjar tal-bennejja.
Ir-regolamenti l-ġodda dwar il-liċenzjar tal-bennejja ddaħħlu bħala Liġi Sussidjarja taħt Kapitlu 623 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jistabbilixxi l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bil-Ministru Attard jgħid li hu meqjus li dan is-settur tal-bini ilu ma jara riforma sinifikanti fih għal aktar minn 100 sena.
Il-Ministru qal li din il-ħidma li wasslet għal dan il-pass ma kinitx ibbażata biss fuq il-feedback li rċeviet mill-konsultazzjoni pubblika, iżda wkoll b’riżultat ta’ djalogu ma’ numru ta’ partijiet interessati, fosthom l-Assoċjazzjoni tal-Bini u l-Kuntratturi, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, u l-Kamra tal-Periti.
“Dan huwa aspett kruċjali tal-proċess ta’ riforma li għaddej fis-settur, immirat lejn titjib kontinwu tal-istandards. Aħna nirrikonoxxu l-importanza li nkomplu ntejbu d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati ewlenin. Bl-istess mod, nifhmu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni leġiżlattiva u amministrattiva. Dawn ir-regolamenti se jpoġġu l-pedament għal riformi addizzjonali fis-settur, inkluż it-twaqqif eventwali ta’ klassifikazzjonijiet,” qal il-Ministru Attard.
Dawn ir-regolamenti se jwasslu għat-tneħħija gradwali tal-liċenzji maħruġa taħt il-Kodiċi tal-Pulizija. Ir-regolamenti se jipprovdu definizzjoni aġġornata tal-bennej jew tal-bennej liċenzjat u jistabbilixxu wkoll ir-responsabbiltà tiegħu.
Ir-regolamenti se jipprovdu proċeduri rigward l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-bennejja, it-tiġdid tal-liċenzja, is-sospensjoni u t-teħid tal-istess liċenzja.
Il-liċenzji se jinħarġu minn Kumitat tal-Liċenzjar tal-Bini, magħmul minn persuni b’għarfien fis-settur, fosthom bennej liċenzjat u 2 periti bil-warrant. Dan il-kumitat se jingħata appoġġ amministrattiv mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u se jkollu wkoll il-funzjoni li jorganizza l-eżami meħtieġ, iżomm reġistru u jagħmel suġġerimenti neċessarji rigward politiki li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ tal-ġebel.
Din il-Liġi Sussidjarja taħt l-Att tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tistabbilixxi wkoll il-prerekwiżiti li applikant irid jilħaq sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi kkonsidrata mill-istess kumitat. Tipprovdi wkoll is-setgħa tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni li tesiġi li l-bennejja liċenzjati jattendu korsijiet ta’ aġġornament li jkunu meħtieġa minn żmien għal żmien, liema korsijiet huma marbuta wkoll mat-tiġdid tal-liċenzja kull sentejn.
Ir-regolamenti jipprovdu wkoll deterrent effettiv għat-trasgressuri, inkluż meta jassumu s-sengħa ta’ bennej tal-liċenzja sospiż, jaħdmu mingħajr liċenzja valida jew jonqsu milli jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-istess liċenzja. Dan apparti l-possibilità ta’ sospensjoni jew revoka tal-liċenzja.
Ir-regolamenti jinkludu wkoll proċess tranżitorju biex jiffaċilita t-tneħħija gradwali ta’ liċenzji maħruġa taħt il-Kodiċi tal-Pulizija favur dawk maħruġa taħt ir-regolamenti l-ġodda. Għalhekk dawk kollha li għandhom liċenzja valida ta’ bennej se jitħallew joperaw, iżda fl-istess ħin se jintalbu japplikaw għat-tiġdid tal-liċenzja tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024 sabiex verament jaslu għal kultura ta’ responsabbiltà fis-settur.
“Din hija riforma oħra li turi l-impenn tagħna li nkomplu nirriformaw is-settur, b’ħidma li qed issir fuq tliet fronti u konformi mal-manifest elettorali, l-inkjesta marbuta mal-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia u aktar inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern u l-awtoritajiet rispettivi”, temm jgħid il-Ministru Attard.
Għal din il-laqgħa stampa attendew ukoll il-Perit Simon Saliba, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, il-Perit Godwin Agius, iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Bini, u l-Avukat Ivan Meli, Konsulent fil-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.
Il-linja ta’ għajnuna l-ġdida 138 , li tnediet fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, se tkun disponibbli minn dawk kollha li jeħtieġu aktar informazzjoni dwar din l-aħħar riforma minn sensiela ta’ riformi li qed iseħħu fis-settur.
