L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħabbret li l-iskema pilota “Irrinova Darek” kienet suċċess b’total ta’ 100 applikazzjoni li daħlu matul ix-xahar ta’ Marzu 2022.
L-iskema tnediet biex tappoġġja r-rinnovazzjoni tal-proprjetajiet fi ħdan id-distrett tal-Port il-Kbir peress li dawn il-lokalitajiet jinkludu binjiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija u jippreżentaw sfidi kbar għar-rinnovazzjoni. Il-BCA allokat is-somma ta’ €600,000 għal din l-inizjattiva bil-ħsieb li tibda tindirizza l-miri nazzjonali ta’ rinnovazzjoni għal residenzi privati skont l-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess ta’ din l-iskema, “Dan se jwassal biex numru sostanzjali ta’ familji mill-ibliet fil-Port il-Kbir ta’ ġewwa, fosthom il-Kottonera, jibbenefikaw minn għotjiet sa massimu ta’ €15,000.”
Żied jgħid li b’dawn l-għotjiet, ħafna familji se jkunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet fil-propjetà tagħhom, bħal titjib relatat ma’ thermal insulation, ventilazzjoni naturali, solar water heaters u upgrades bħal double glazing għall-aperturi, fost oħrajn.
“L-akbar sodisfazzjon huwa meta tara lill-pubbliku jipparteċipa fl-inizjattivi li l-Awtorità tagħna tniedi, li se jwasslu għal ambjent ta’ għajxien aħjar. Aħna nieħdu pjaċir li l-Pilot Scheme “Irrinova Darek”, li kienet available bejn l-1 ta’ Marzu u l-1 ta’ April, irċeviet ’il fuq minn 100 reġistrazzjoni” qal is-CEO tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, is-Sur Karl Azzopardi.
Waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ rinnovazzjoni ta’ din l-iskema tippermetti li l-bini jkollu rendiment fl-użu tal-enerġija li jkun 20% aħjar minn bini b’użu ta’ kważi żero enerġija. Karatteristiċi ewlenin oħra jinkludu t-tnaqqis tal-enerġija meħtieġa għat-tisħin għal-livelli passivi tad-djar, it-tnaqqis tal-enerġija meħtieġa għat-tkessiħ u d-dawl, kif ukoll, li tippermetti l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Mat-tlestija tax-xogħlijiet, sa 90% tal-ispiża tal-proġett se titħallas skont l-evalwazzjoni mwettqa mill-BCA. L-iżborż massimu huwa ta’ €15,000 b’€900 addizzjonali jmorru għall-installazzjoni ta’ solar water heater jew heat-pump water heater. Il-porzjon massimu żborżat għax-xogħlijiet li jinvolvu l-installazzjoni ta’ solar water heater huwa 50% tal-ispiża.
Permezz tal-iskema “Irrinova Darek”, il-BCA għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex tirriforma l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni billi tkun impenjata li tibni soċjetà aktar sostenibbli għal kulħadd.
“B’miżuri bħal dawn, il-pajjiż se jkun qed jimxi wkoll fid-direzzjoni li jilħaq il-miri tiegħu tal-effiċjenza fl-enerġija b’mod aktar profiċjenti, filwaqt li l-familji li jinstallaw dawn is-sistemi se jkunu qed jinvestu fil-futur tagħhom, kemm f’dak li huwa tfaddil fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll fil-benesseri tagħhom, u allura kwalità ta’ ħajja mtejba,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
