Il-Ministeru għax-Xogħlijiet pubbliċi u l-Ippjanar flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed jippubblikaw abbozz aġġornat ta’ “Dokument F” għall-konsultazzjoni pubblika. “Dokument F” jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-bini li qed jiġi rinovat u għall-bini ġdid biex jaħdem bl-aktar mod effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Malta hija impenjata li tilħaq il-miri Ewropej dwar l-emissjonijiet tal-karbonju skont il-ftehim ta’ Pariġi u qed tagħmel dan permezz tal-iżvilupp ta’ strateġija għat-tnaqqis tal-użu tal-karbonju u l-pjani ta’ Malta dwar l-Enerġija u l-Klima.
Id-dokument il-ġdid li qed jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika jieħu post dak eżistenti u għandu jservi ta’ gwida għal dawk kollha konnessi mas-settur fosthom professjonisti, kuntratturi u operaturi fil-qasam tal-kostruzzjoni biex jagħrfu x’inhuma l-obbligi tagħhom fuq l-effiċjenza enerġetika meħtieġa.
Il-proposti f’dan id-dokument jindirizzaw il-miri mitluba skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u għandhom ukoll l-għan li juru t-triq li għandha twassal għal bini b’emissjonijiet żero jew kważi żero. Dan irid isir billi jitnaqqas l-użu tal-enerġija fil-bini eżistenti u jiġu installati pannelli solari fuq il-bini ġdid kollu u ċertu bini li qed jiġi rinovat.
Id-Dokument F il-ġdid se jinkorpora sett ġdid ta’ rekwiżiti minimi tal-effiċjenza enerġetika li se jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla.
Il-proposta ta’ dan id-dokument ġdid F tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Awtoritá tal-Bini u l-Kostruzzjoni, BCA dokument tekniku F u fuq is-sit elettroniku tal-Gvern https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/NL-0024-2023.aspx.
L-opinjonijiet u l-kummenti jistgħu jintbagħtu wkoll permezz tal-email lil: [email protected]. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sas-26 ta’ Lulju 2023.
