Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard nieda servizz ġdid offrut mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, mingħajr ħlas, bil-għan li jgħin lil dawk milquta mill-kostruzzjoni.
Dan is-servizz se jibda jingħata wara proċess ta’ sejħa pubblika li wassal biex jitwaqqaf panel ta’ 20 professjonist, magħmul minn 10 avukati u 10 periti.
Il-Ministru Attard stqarr li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jappoġġja liċ-ċittadini u għalhekk qed iniedi dan is-servizz ġdid li jikkumplimenta wkoll il-linja ta’ għajnuna 138 li tnediet dan l-aħħar, li tipprovdi appoġġ 24/7 lil dawk bi tħassib immedjat relatat mal-kostruzzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawn iż-żewġ servizzi b’hekk se jiffurmaw sistema ta’ assistenza komprensiva mfassla biex tagħti liċ-ċittadini l-għodod biex jindirizzaw it-tħassib tagħhom b’mod effettiv.
“Aħna nemmnu li kull individwu għandu d-dritt li jifhem l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp fil-viċinat tiegħu u li jħares l-interessi tiegħu. Għandna viżjoni ċara li nagħtu s-saħħa lil dawk milquta bl-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jifhmu l-kumplessitajiet tal-proġetti ta’ kostruzzjoni anke b’għajnuna teknika”, qal il-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard żied jgħid li din l-inizjattiva hija ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi u riformi li għaddej minnhom is-settur.
“Partijiet terzi milquta li kienu jagħmlu pass lura, u forsi agħar minn hekk, se jaslu fi tmiemhom quddiem il-periklu, issa se nkunu qed nagħtuhom din l-għajnuna biex ngħinuhom jiddefendu l-interessi tagħhom u fuq kollox niggarantixxu s-sigurtà tagħhom u tal-għeżież tagħhom”, qal il-Ministru Attard.
Spjega li terzi persuni affettwati se jkunu jistgħu jfittxu pariri u assistenza professjonali u indipendenti dwar id-drittijiet legali tagħhom, inkluż dwar aspetti ta’ servitujiet legali u distanza. Kif ukoll pariri tekniċi minn perit dwar id-dikjarazzjoni tal-metodu, kif se jsir ix-xogħol u kif dan jista’ jaffettwa l-proprjetà tagħhom.
It-tim ta’ avukati u periti ta’ esperjenza huwa disponibbli biex jisma’, jagħti pariri, u jassisti lil kull individwu bl-aħjar mod possibbli.
“Dan is-servizz imur ‘lil hinn mill-għanijiet tal-manifest elettorali u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Dan huwa servizz ibbażat fuq l-esperjenzi ta’ persuni li jbatu u l-esperjenzi tal-Awtorità f’ċerti kwistjonijiet li żviluppaw”, qal il-Ministru Attard filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti dedikati li ngħaqdu flimkien biex dan is-servizz ikun realtà.
Waqt li nnota r-rispons pożittiv tal-helpline fl-ewwel ġimgħat mit-tnedija, il-Ministru Attard qal li mit-tnedija tas-servizz daħlu medja ta’ 80 telefonata kuljum, b’75% jkunu relatati ma’ mistoqsijiet jew rapporti dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, tkellem ukoll dwar ir-ristrutturar li għaddej tal-Awtorità, hekk kif qed tkompli ssaħħaħ ir-rwol regolatorju tagħha u taġġorna b’inizjattivi u servizzi mmirati biex joffru aċċess aktar faċli liċ-ċittadini milquta.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Johan Galea u l-Kap Eżekuttiv tal-Servizz.gov, Massimo Vella.
