Jitlesta l-qafas legali li se jwassal għal-liċenzjar tal-kuntratturi

Minister Legal Framework Completion

Il-Ministru għax-Xogħlijiet pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li tlesta l-qafas legali għas-sistema tal-liċenzji tal-kuntratturi. Issa se jintbagħat l-Avviż legali għall-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea biex imbagħad ikunu jistgħu jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-kuntratturi fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar kif fit-13 ta’ Marzu, tnieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Avviż legali. Stqarr li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni kellu rispons qawwi ħafna, b’numru kbir ta’ sottomissjonijiet u proposti u li ħoloq diskussjoni wiesgħa fil-pajjiż.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif wara l-evalwazzjoni ta’ dawn is-sottomissjonijiet u proposti “qed jiddaħħal ċertu tibdil fl-abbozz oriġinali tal-Avviż legali bil-għan li dan iwassal għall-bidla li hi meħtieġa biex ikun hemm aktar responsabbiltà, kjarezza u serjetà f’dan il-qasam u fuq kollox kwalità ogħla”.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza li waħda mill-akbar bidliet li se tikseb il-liċenzja tal-kuntratturi, fl-oqsma tal-bini, twaqqigħ u skavar, hi li se tagħti definizzjoni ċara ta’ min hu responsabbli għax-xogħol li qed isir. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollha lista ta’ nies liċenzjati li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.

Dwar l-assigurazzjoni tal-kuntratturi, il-Ministru qal li hemm bżonn aktar diskussjonijiet qabel ma jiddaħħal dan l-obbligu fuq il-kuntratturi. “Bħala Gvern aħna kommessi li nkomplu dan il-proċess biex fl-iqsar żmien possibbli naraw kif insibu formula ġusta li tkun tista’ tintuża mill-industrija tal-assigurazzjoni f’pajjiżna biex nassiguraw li dan l-obbligu jiddaħħal fuq kull min iqabbad dawn is-setturi”.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li peress li kien hemm kontribut qawwi ħafna fil-konsultazzjoni pubblika, partikolarment minn kuntratturi żgħar, inħasset il-ħtieġa li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tibda minnufih numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni biex tispjega b’mod ċar lill-kuntratturi fl-oqsma differenti kif se joperaw dawn il-liċenzji.

Barra minn hekk, saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm kuntatt u djalogu kontinwu bejn il-kuntratturi u l-Awtorità permezz ta’ laqgħat ta’ informazzjoni regolari. B’hekk ikun hemm komunikazzjoni aħjar bejn l-Awtorità u l-kuntratturi liċenzjati, temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Is-Sur Jesmond Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni saħaq li l-miri ewlenin tal-liċenzjar tal-kuntratturi baqgħu l-istess, jiġifieri li jiġu definiti l-kriterji biex persuna jew entità tagħmel ix-xogħol ta’ kuntrattur fil-qasam tal-kostruzzjoni u jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-kostruzzjoni. Fl-istess waqt se jkun assigurat li l-istandards tal-kostruzzjoni jkunu ta’ kwalità ogħla u x-xogħol isir b’mod aktar professjonali.