Il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ riċerka dwar il-Liġijiet tal-kostruzzjoni f’Malta.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ġie ppreżentat bl-ewwel rapport ta’ riċerka li sar mill-Fakultà tal-Liġi biex jagħmel kompendju tal-liġijiet li jolqtu s-settur tal-kostruzzjoni. Dan wara li f’Mejju li għadda ġie ffirmat memorandum of understanding (MoU) bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Università ta’ Malta bil-għan li jkomplu jsaħħu u jiġu kkonsolidati l-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni f’Malta.
Ir-riċerka kienet ikkordinata mil-Lettur fil-Liġi Ċivili Dr. Kurt Scerri fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li hemm bżonn li jinġabru liġijiet u regolamenti relatati mal-qasam tal-kostruzzjoni f’pubblikazzjoni waħda. Dan il-ġbir ta’ liġijiet u regolamenti jrid jiġi aġġornat regolarment. Dan l-eżerċizzju huwa ta’ għajnuna għal kull min b’xi mod jaħdem f’dan is-settur u joffri punt ta’ riferenza tajjeb. Se jservi wkoll ta’ bażi tajba għall-analiżi ta’ diversi liġijiet u regolamenti li jsiru fi żminijiet differenti. Dan il-proċess ta’ analiżi se jkun pass importanti fil-proċess tat-tisħiħ tar-regolamenti li l-Gvern qed iwettaq għas-settur tal-kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, Dr. Scerri qal li dan l-eżerċizzju maħsub mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar qed jagħmel analiżi ta’ diversi liġijiet fis-seħħ u jitfa’ dawl fuq inkonsistenzi leġiżlattivi potenzjali li jistgħu jeżistu fil-preżent, filwaqt li jressaq proposti biex jindirizzahom għall-benefiċċju tal-parteċipanti kollha fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-pubbliku inġenerali kif ukoll jagħti aktar ċarezza legali.
Dr. Scerri nnota wkoll li filwaqt li skont l-ewwel regolament, dak tal-Kodiċi Ċivili, il-protezzjoni tar-regoli dwar il-kostruzzjoni kienet kwistjoni li kellha tiġi solvuta bejn iċ-ċittadini privati nfushom, maż-żmien kien hemm interess ċar tal-istat f’isem iċ-ċittadini kollha. Għalhekk ir-regolament tas-settur tal-kostruzzjoni saret fuq kollox materja pubblika, żied Dr. Scerri.
Ir-riċerka mħejjija mill-Fakultà tal-Liġi se tkun online fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar fuq https://xoghlijietpubblici.gov.mt/wp-content/uploads/2023/09/Compendium-of-Laws-Regulating-Construction-in-Malta.pdf kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA. It-titlu tad-dokument li jinsab f’dan is-sit elettroniku taħt id-“Dokumenti ta’ Gwida” huwa l-Kompendju tal-Liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni f’Malta (V1 – 07092023).
