Jidħol fis-seħħ ir-reġim tal-liċenzjar tal-kuntratturi li se jirregola t-twaqqigħ, l-iskavar u l-kostruzzjoni

BCA News Item

Avviż Legali Nru. 166 tal-2023, li għall-ewwel darba se jintroduċi f’Malta l-Liċenzjar tal-kuntratturi ġie ppubblikat illum fil-Gazzetta tal-Gvern u daħal fis-seħħ. L-Avviż legali jobbliga lil kull kuntrattur li jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar, u kostruzzjoni biex japplika għal liċenzja mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Il-BCA se jibda jilqa’ applikazzjonijiet online minn nhar it-Tnejn 24 ta’ Lulju 2023 fuq is-sit elettroniku tiegħu www.bca.org.mt.

Dawk il-kuntratturi li japplikaw f’dan il-perjodu stipulat ikunu jistgħu jkomplu joperaw waqt li l-applikazzjoni tagħhom tkun qed tiġi evalwata minn Licensing Committee li jitwaqqaf skont dak stipulat fl-Avviż Legali. Kuntratturi li ma japplikawx sal-aħħar ta’ Ottubru 2023 ma jkunux jistgħu jaħdmu f’xogħol ta’ twaqqigħ, skavar, u kostruzzjoni. Dawk li japplikaw għal-liċenzja mill-1 ta’ Novembru 2023 se jkollhom jistennew l-approvazzjoni proviżorja tal-applikazzjoni tagħhom li se tinħareġ mill-Kumitat tal-liċenzji biex ikunu jistgħu joperaw sakemm eventwalment tinħareġ il-liċenzja kollha. Il-Kumitat tal-Liċenzjar ikun obbligat li joħroġ din l-approvazzjoni proviżorja fi żmien 60 jum mid-data tal-applikazzjoni.

Matul il-perjodu li fih tkun qed tiġi evalwata l-applikazzjoni, kull kuntrattur ikun responsabbli li jwettaq l-obbligi kollha skont il-liġi. Dan jinkludi li jiġi żgurat li l-eżekuzzjoni tax-xogħol tkun konformi mal-prattiki, il-linji gwida u r-regolamenti li jkopru l-attivitajiet ta’ servizz li għalihom qed tintalab il-liċenzja. Il-kuntratturi jridu wkoll josservaw kull direzzjoni maħruġa mill-perit jew minn kull persuna oħra responsabbli bil-liġi, kif ukoll kull kundizzjoni, ‘method statement’ u rekwiżiti marbuta mal-bini u l-kostruzzjoni li huma imposti minn kull entità regolatorja.

Il-kuntratturi li japplikaw għal-liċenzja jkunu meħtieġa jiżguraw li kull xogħol li jagħmlu jkun kopert minn polza tal-assigurazzjoni valida. Dan se jkopri kull telf jew ħsara li xi persuna tista’ ssofri b’riżultat ta’ xi att jew ommissjoni min-naħa tal-kuntrattur liċenzjat jew impjegati li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu matul iż-żmien li jkunu qed isiru x-xogħlijiet, kif ukoll għad-danni fuq il-post tax-xogħol, inkluża ħsara li kull impjegat jista’ jsofri. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tista’ tikkonsidra li kull kontravenzjoni li ssir minn kuntrattur li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha qed tiġi evalwata mill-Kumitat tal-liċenzji tista’ twassal biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi rifjutata u għalhekk l-applikant ma jkunx jista’ jkompli jaħdem. Min-naħa l-oħra, kuntratturi li jkunu kisbu liċenzja u jikkommettu reat jista’ jkollhom il-liċenzja sospiża jew irtirata.

L-Avviż legali jistabbilixxi wkoll skeda ta’ penali li jistgħu jeħlu kuntratturi li jkunu qed jaħdmu mingħajr liċenzja jew b’liċenzja sospiża jew bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Dawn jistgħu jvarjaw minn pieni ta’ ħabs li ma jaqbżux is-sitt xhur għal pieni amministrattivi li jistgħu jitilgħu sa €50,000 u aktar multi sa massimu ta’ €5,000 kuljum. Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità dwar ir-revoka jew sospensjoni ta’ liċenzja jistgħu jiġu appellati quddiem Tribunal li jitwaqqaf skont l-Att. L-Avviż Legali jispjega wkoll x’inhuma l-kriterji mitluba mill-kuntratturi meta dawn japplikaw għal liċenzja ta’ twaqqigħ, skavar li jinkludi wkoll piling, u xogħol ta’ kostruzzjoni. Hemm ukoll skeda ta’ ħlasijiet amministrattivi li kull kuntrattur irid iħallas meta japplika għal liċenzja jew għat-tiġdid ta’ dik il-liċenzja. L-iskeda tal-ħlas tvarja skont jekk kuntrattur jaħdimx waħdu mingħajr ma jingaġġa impjegati jew skont in-numru ta’ impjegati li jimpjega. Minbarra l-Avviż Legali dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi, ġie ppubblikat ukoll l-Avviż Legali li jdaħħal fis-seħħ dawn ir-regolamenti u d-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija li jeżenta l-perjodu ta’ stennija ta’ xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti.