Jibdew sessjonijiet obbligatorji bi tħejjija għall-eżami tal-liċenzja tal-Bennejja

Masons’ license exam preperation sessions

Nhar it-Tlieta 22 ta’ Ottubru bdew sessjonijiet obbligatorji għall-applikanti kollha li ssottomettew id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu l-eżami tal-liċenzja tal-Bennejja.

Din il-laqgħa hija l-ewwel waħda minn erba’ laqgħat preparatorji li se jintemmu nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru. Kull sessjoni ddum sagħtejn, f’liema ħin l-applikant jingħata informazzjoni dwar il-ħiliet u l-għarfien li jkun meħtieġ juri fil-fażi tal-eżami.

Dawn l-erba’ sessjonijiet se jwasslu informazzjoni dwar il-kostruzzjoni tal-azzar u l-konkrit, leġiżlazzjoni relatata mas-settur tal-kostruzzjoni, il-ġeometrija u l-kostruzzjoni tal-bini u s-saħħa u s-sikurezza fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Għalkemm dawn l-erba’ sessjonijiet se jkunu bil-lingwa Maltija, il-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja ħaseb ukoll biex l-istess numru ta’ sessjonijiet jingħataw bil-lingwa Ingliża.

Il-Perit Godwin Agius, Chairperson tal-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja, qal li din hija l-ewwel darba fil-proċess tal-liċenzja tal-bennejja li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed tieħu ħsieb torganizza dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ u għalhekk qed tkompli tappoġġja r-riforma li qed issir fil-liċenzja tal-bennej. Żied jgħid li l-Awtorità qed tara li t-tagħlim isir parti mit-tiġdid tal-liċenzjar.

Sadanittant, fl-aħħar mill-aħħar dan il-proċess se jwassal biex l-applikanti jagħmlu eżami teoretiku u prattiku biex finalment ikunu jistgħu jiksbu l-liċenzja.