L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) organizzat attività ta’ premjazzjoni li matulha ġie rikonoxxut il-kontribut tal-impjegati tagħha. Matul din is-serata, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard tenna li l-BCA qed tkompli tissaħħaħ mhux biss fid-daqs u fir-riżorsi tagħha, iżda wkoll fil-missjoni u fil-viżjoni tagħha li tkun awtorità serja, kredibbli u li taqdi l-bżonnijiet taċ-ċittadin.
Il-Ministru Attard rringrazzja lil dawk kollha li ġew rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom, kif ukoll lill-ħaddiema kollha tal-Awtorità għall-impenn tagħhom biex itejbu l-kwalità tas-servizz pubbliku. Huwa saħaq li s-suċċess tal-BCA huwa frott deċiżjonijiet kuraġġużi, investiment kontinwu u impenn kollettiv.
Fl-aħħar snin ta’ riformi intensivi, il-Ministru spjega li kienet qed tinbena mhux biss bidla fil-liġi, iżda wkoll bidla fil-mentalità tal-industrija, sabiex tinħoloq kultura ġdida ta’ responsabbiltà u standards ogħla. Fakkar ukoll fl-operazzjoni li saret f’Paceville, bħala eżempju ta’ kif l-Awtorità tista’ taħdem b’serjetà u effiċjenza meta tkun meħtieġa biex tipproteġi s-saħħa u l-ħajja taċ-ċittadini.
Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru tenna l-importanza tal-formazzjoni kontinwa tal-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni. Semma d-Diploma fil-Management tal-Kostruzzjoni mal-Università ta’ Malta bħala eżempju ta’ investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħha, u filwaqt li nnota l-interess muri minn uħud, ħeġġeġ lill-ħaddiema biex jagħmlu dan il-pass.
Irrefera għall-iskemi maħruġa fl-aħħar xhur mill-Awtorità u ħabbar li matul is-sena li ġejja se jkunu introdotti skemi ġodda li jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Gvern lejn sostenibbiltà u effiċjenza, u għalhekk il-Ministru tenna l-importanza li tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies fl-Awtorità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici,tkellem dwar kif l-Awtorità għaddejja minn riforma diġitali, fejn din is-sena l-Awtorità nediet programm ta’ diġitilizazzjoni tas-sistemi u d-dokumenti tal-Awtorità fosthom dik tas-Site Responsibility Form, li hi formola komuni użata mill-Periti.
“Din is-sena kienet waħda ta’ marka fl-industrija, dan permezz tal-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja, u għalhekk matul is-sena d-dieħla se nkomplu nibnu fuq dawn is-suċċessi. Fil-fatt l-għan tagħna hu li kull ħaddiem li jaħdem fl-industrija jkollu l-għarfien neċessarju, u għalhekk din is-sena saħħaħna t-taqsima tal-edukazzjoni, hekk kif is-sena d-dieħla se ntellqu l-proċess tal-iSkill Cards,” qal il-Perit Bonnici.
Huwa temm jgħid li pari passu mal-implimentazzjoni tal-iSkill Cards se jibqa’ għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel kodiċi nazzjonali tal-bini u l-kostruzzjoni li għandhom iservu ta’ linja gwida u eventwalment liġijiet għall-operaturi kollha fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru temm jirringrazzja lill-Bord tal-BCA mmexxi mill-Perit Simon Saliba, lill-Kap Eżekuttiv Perit Roderick Bonnici u lit-tim kollu tal-Amministrazzjoni għall-ħidma bla waqfien. Huwa esprima r-ringrazzjament tiegħu lis-Segretarju Permanenti, is-Sur Johann Galea, għall-kontribut tiegħu fid-diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
