Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbru t-tnedija ta’ kors ġdid, fil-livell ta’ diploma, fl-immaniġġjar tal-kostruzzjoni. Dan il-kors qed isir bi sħubija bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Università ta’ Malta, u huwa twil sentejn fuq bażi ta’ part-time.
Il-Ministru Jonathan Attard spjega li dan il-kors jimxi pari passu mal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jgħolli l-kwalità fis-settur tal-kostruzzjoni. Fil-fatt spjega li dan it-tragward huwa parti minn ħolqa ta’ inizjattivi oħra, tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni li saru fl-aħħar xhur. Fost dawn l-inizjattivi, huwa semma l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja, il-ħidma fuq l-ewwel sett ta’ Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-iskill cards.
“Il-bidla fis-settur tal-kostruzzjoni ma tistax iseħħ mingħajr riżorsi umani b’saħħithom u mħarrġa. Huwa għalhekk li l-Gvern qed jinvesti direttament fil-ħaddiema fi ħdan l-Awtorità, billi joffri u jiffinanzja kors ta’ Diploma fil-Construction Management, maħsub biex isaħħaħ il-kompetenzi tagħhom. Dan il-kors, maħsub biex isaħħaħ il-kompetenzi u l-għarfien tekniku, jirrifletti t-twemmin tagħna fil-potenzjal tal-ħaddiema. Il-futur tal-industrija jinsab f’idejn nies imħejjija u motivati, u dan il-kors hu pass ċar f’dik id-direzzjoni,” qal il-Ministru Jonathan Attard.
Fost is-suġġetti li se jiġu mgħallma waqt dan il-kors hemm; il-Proċessi Regolatorji fil-Kostruzzjoni, is-Saħħa u s-Sigurtà, il-Ħiliet fl-Immaniġġjar, ir-Regolamenti tal-Bini, il-Prinċipji tal-Immaniġġjar tas-Sit u Kuntratti, u l-Immaniġġjar tar-Riskju. Sabiex wieħed ikun eliġibbli li japplika għal dan il-kors irid ikollu iċ-Ċertifikat tal-Matrikola u ċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja bi grad ħamsa jew aħjar jew Ċertifikat fil-Livell Sekondarju bi grad tlieta fil-Malti, l-Ingliż u l-Matematika. Madankollu, dawk li ma għandhomx kwalifiki, xorta waħda jistgħu japplikaw, iżda se tkun qed issirilhom intervista quddiem bord maħtur apposta.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-kors huwa eżempju ċar ta’ kif l-edukazzjoni tista’ twieġeb direttament għal ħtiġijiet konkreti tal-industrija u tas-suq tax-xogħol. “Bħala Gvern se nibqgħu ninvestu f’edukazzjoni prattika, li tħejji lin-nies tagħna għal futur aktar sigur, sostenibbli u kompetittiv billi jitħarrġu aktar professjonisti speċjalizzati. Dan mhux biss jsaħħaħ il-kwalità u s-sigurtà fil-proġetti tal-kostruzzjoni, iżda wkoll joffri lill-istudenti u lill-ħaddiema ċ-ċans li javvanzaw fil-karriera tagħhom. Bħala Gvern se nibqgħu ninvestu f’edukazzjoni prattika, li tħejji lin-nies tagħna għal futur aktar sigur, sostenibbli u kompetittiv.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li x-xogħol marbut ma’ dan il-kors sar mit-taqsima tal-edukazzjoni fi ħdan l-Awtorità. Qal li fl-aħħar sentejn, li ilha mwaqqfa din it-taqsima, sar rendikont tan-nuqqasijiet kollha li kien hemm fl-industrija, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni, tagħlim u żvilupp tal-ħaddiema.
“Kien għalhekk li poġġejna mal-Università ta’ Malta sabiex jinħoloq dan il-kors, fil-livell ħamsa tal-qafas edukattiv, speċifikament għall-ħaddiema tal-BCA u dawk tal-industrija. Il-parteċipanti kollha f’dan il-kors se jkunu qed jieħdu tagħrif dwar l-industrija b’mod ħolistiku, iżda wkoll dwar proċessi fil-kostruzzjoni u liġijiet. Fl-aħħar xhur varajna l-proċess tal-abbozzar tal-ewwel kodiċi nazzjonali tal-bini u l-kostruzzjoni, u allura dan il-kors u l-istess kodiċi jmorru id f’id flimkien,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv, Roderick Bonnici.
Sadanittant, dawk interessati li japplikaw jistgħu jagħmlu dan fuq il-websajt tal-Università ta’ Malta. Ladarba wieħed itemm dan il-kors, jingħata 70% lura permezz tal-iskema Get Qualified. L-impjegati fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkunu jistgħu jieħdu dan il-kors b’xejn. Kull min jixtieq aktar informazzjoni dwar dan il-kors jista’ jżur: https://www.um.edu.mt/courses/overview/udcmgpte-2025-6-o/.
