L-Iskema Ixtri Proprjetà Sostenibbli ġiet imnedija mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) bil-għan li tappoġġja lill-homebuyers li jixtru proprjetajiet residenzjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, minn wara l-1 ta’ Jannar 2025.
L-għan tal-Iskema huwa li tippromwovi akkomodazzjoni sostenibbli billi tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ abitazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u l-iffrankar ta’ spejjeż fit-tul, filwaqt li tħeġġeġ prattiki ta’ bini aktar ekoloġiċi madwar Malta u Għawdex. L-Iskema hija mmirata lejn ċittadini Maltin/tal-UE għal proprjetajiet residenzjali li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (skont id-Dokument tekniku F). Il-proprjetajiet eliġibbli m’għandu jkollhom l-ebda bojler li jaħdem bil-fjuwils fossili installat.
L-applikazzjonijiet tal-Iskema Ixtri Proprjetà Sostenibbli iridu jiġu sottomessi mid-19 ta’ Mejju 2025 ‘l quddiem. Applikanti eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn somma sa €9000 fuq tliet (3) snin, skont ir-rendiment globali tal-enerġija tal-propjetà.
Fażijiet tal-Proġett
- Fażi ta’ Reġistrazzjoni u Applikazzjoni
- Fażi ta’ Reviżjoni u Approvazzjoni
- Fażi ta’ Verifika Annwali
Fażi ta’ Reġistrazzjoni u Applikazzjoni
a) L-applikanti jridu jirreġistraw l-interess tagħhom billi japplikaw fuq il-webform tal-BCA.
b) Mar-reġistrazzjoni, l-applikanti għandhom jissottomettu Ċertifikat tal-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Klassifikazzjoni tal-Assi (EPC) flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa kif stipulat fil-kundizzjonijiet.
c) L-applikazzjoni għandha timtela b’mod komplut biex tgħaddi għall-fażi sussegwenti.
Fażi ta’ Reviżjoni u Approvazzjoni
a) Bord ta’ esperti stabbilit mill-BCA jevalwa l-applikazzjonijiet u jivverifika l-konformità u l-eliġibilità mall-kriterji tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, dejjem jekk il-fondi jkunu disponibbli.
b) L-applikazzjonijiet li jintgħażlu jiġu mgħarrfa bl-eliġibilità tagħhom li jibbenefikaw minn din l-iskema, u jkunu meħtieġa li jidħlu fi ftehim mal-Awtorità.
c) Il-fondi jiġu riċevuti kull sena mill-benefiċjarju permezz ta’ trasferiment bankarju, skont l-informazzjoni pprovduta matul il-fażi tal-applikazzjoni.
Fażi ta’ Verifika Annwali
a) Qabel kull pagament annwali, l-applikant irid jikkonferma u jissottometti dettalji aġġornati (jekk meħtieġ) tal-kont sa Settembru biex tinżamm l-eliġibilità. In-nuqqas tat-tali konferma jirriżulta f’telf tal-għotja għas-sena.
Kundizzjonijiet ewlenin
- Jekk il-proprjetà tiġi trasferita qabel ma toħroġ l-għotja sħiħa, il-kumplament tal-ħlasijiet jiġu sospiżi.
- Il-BCA tirriżerva d-dritt li twettaq spezzjonijiet u verifiki biex tiżgura l-osservanza fi kwalunkwe fażi tal-iskema.
- L-għoti ta’ informazzjoni falza jirriżulta fi skwalifika għal ħames snin mill-iskemi kollha, tal-BCA u jista’ jwassal għal azzjoni legali.
- Il-BCA tista’ tirrifjuta l-applikazzjonijiet u tagħlaq l-Iskema aktar kmieni milli mħabbar fid-diskrezzjoni tagħha.
- Il-BCA għandha d-dritt li temenda l-Iskema fi kwalunkwe żmien, kif meħtieġ.
- Sottomissjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.
