Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, indirizza l-konferenza Envision 2050: ‘Smart, Sustainable and Regulated Built Environment’, fejn enfasizza l-importanza ta’ vuċi aktar b’saħħitha taċ-ċittadin u kompetenzi ogħla fil-proċess ta’ riforma u konsultazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni.
“Iċ-ċittadini għandhom ikollhom vuċi aktar b’saħħitha fil-proċess konsultattiv fis-settur,” qal il-Ministru Attard, waqt li saħaq fuq id-dimensjoni ġdida li għandu jieħu l-Building and Construction Consultative Council (BCCC). Il-Ministru sostna li hemm bżonn li nħarsu lejn kif dan il-kunsill, li sal-lum kien forum ta’ konsultazzjoni bejn l-istakeholders, isir strument ewlieni ta’ parteċipazzjoni pubblika.
Il-Ministru fakkar li l-industrija tal-kostruzzjoni kienet f’sitwazzjoni fejn ġie stabbilit li kellha 50 sena x’nirkupraw, u għalhekk il-Gvern qed jaħdem fuq proċess ta’ riforma strutturata u sostenibbli.
“Dan huwa l-bidu ta’ kultura ġdida, waħda li tħaddan il-kompetenza, l-etika u l-kwalità,” kompla jgħid il-Ministru, filwaqt li semma l-miżuri ewlenin li diġà daħlu fis-seħħ kif ukoll dawk li għaddej il-ħidma fuqhom. Fosthom hemm il-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li se jidħol gradwalment fuq tliet snin, il-liċenzjar tal-kuntratturi, u l-introduzzjoni tal-iSkill Cards sal-2027. Semma wkoll servizzi ġodda bħall-helpline 138, avukat u perit bla ħlas, u spezzjonijiet konġunti mal-OHSA.
Il-Ministru Attard tkellem ukoll dwar inizjattivi ta’ sostenibbiltà bħall-iskemi ta’ għotjiet imħarrġa mill-BCA, u l-użu tat-teknoloġija kemm fis-settur kif ukoll fil-ħidma tal-istess Awtorità fil-funzjoni regolatorja tagħha.
Temm billi stieden lill-istakeholders kollha u l-entitajiet pubbliċi biex ikunu parti attiva f’dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. “Intom hawn preżenti tirrappreżentaw l-impenn kollettiv tagħna biex nibnu futur fejn il-kostruzzjoni f’Malta tkun tassew intelliġenti, sostenibbli u mmexxija minn regolamentazzjoni soda u responsabbli.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, il-Perit Roderick Bonnici, li mexxa din il-laqgħa, spjega li sabiex wieħed ikun fil-pussess ta’ skill card irid ikun ħa kors ta’ għarfien fis-saħħa u s-sigurtà u kif ukoll irid jivverifika li jħaddan sengħa partikolari.
Fost is-suġġetti li ġew diskussi waqt din il-laqgħa kien hemm il-Kodiċi u l-istandards marbuta mal-bini, il-liċenzjar, ir-regolamenti tal-ħaddiema, il-kwalità u l-konformità tal-bini, it-tmexxija ta’ siti ta’ kostruzzjoni, l-innovazzjoni diġitali fil-kostruzzjoni, l-iskemi marbuta ma’ enerġija aktar nadifa fil-bini u l-materjali fil-bini, fost aktar suġġetti konnessi mal-bini u l-kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, qal kif l-Awtorità għandha l-għan li tmexxi ‘l quddiem prattiċi sostenibbli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kostruzzjoni. Spjega li dan l-għan immur pari passu ma’ dak elenkat fid-dokument Viżjoni 2050.
“Bħala Awtorità qed naraw li kull ma jmur is-settur jevolvi mal-prattiċi u t-teknoloġiji tal-lum il-ġurnata. Għal dan il-għan l-Awtorità qed taħdem u tisħaq ħafna fuq l-edukazzjoni lill-partijiet kollha involuti fis-settur, sew jekk professjonisti, kuntratturi, bennejja jew ħaddiema tal-id li jaħdmu f’dan is-settur. Fl-aħħar sena l-Awtorità bdiet b’sistema li tlaqqa’ lill-partijiet kollha flimkien u tiddiskuti l-evolviment tal-industrija, sabiex inkunu nistaw nieħdu approċċ aktar ħolistiku għall-isfidi tal-lum il-ġurnata u tal-futur. L-Awtorità qed tagħmel dan filwaqt li tkompli tissalvagwardja lill-pubbliku mill-impatt li jista’ jkollu s-settur tal-kostruzzjoni fuq l-istess pubbliku,” temm jgħid il-Perit Bonnici.
Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, responsabbli mill-Koordinazzjoni u l-Implementazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, faħħar l-approċċ lejn id-diskussjoni. Huwa saħaq li diskussjonijiet bħal dawn iħarsu lejn il-futur tal-binjiet tagħna, liema materjali se nużaw u f’liema żoni, b’liema ħiliet u investimenti meħtieġa, enerġija sostenibbli, l-emissjonijiet u l-kodiċi tal-bini. L-avveniment ġabar numru kbir ta’ stakeholders, korpi kostitwiti, imsieħba u dan juri l-impenn ta’ pajjiżna lejn din id-diskussjoni li twassalna f’dan il-vjaġġ sal-2050, ibbażat fuq il-kwalità tal-ħajja.
Preżenti għal din il-laqgħa, kien hemm rappreżentanti tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-Awtorità tal-Ippjannar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Kamra tal-Periti, il-Kamra tal-Inġiniera, il-Kamra tal-Construction Project Managers, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, l-Assoċjazzjoni tal-Kuntratturi fid-demolizzjoni u l-iskavar, l-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi, il-Malta Developers Association, l-Aġenzija għas-Suq tal-Proprjetà, l-EneMalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Transport Malta, il-LESA, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, Infrastruttura Malta, is-Supretendenza għall-Wirt Kulturali, l-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, l-Università ta’ Malta, l-MCAST, il-Kunsill Konsultattiv għall-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Kunsilli Reġjonali ta’ Malta u Għawdex.
