Ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar se jkunu pprojbiti minn żoni turistiċi bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2023. Din l-inizjattiva li qed tiġi kkoordinata bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) tieħu inkonsiderazzjoni l-inkonvenjent li s-siti ta’ kostruzzjoni għandhom fuq il-viċinat tal-madwar.
L-infurzar tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 623.08 (it-tielet Skeda 1ċ) huwa mod wieħed kif jittaffa l-inkonvenjent li s-siti ta’ kostruzzjoni għandhom kemm fuq l-industrija tat-turiżmu kif ukoll fuq in-numru ta’ familji Maltin li jmorru jgħixu fir-residenzi tas-sajf tagħhom. Il-fażijiet ta’ twaqqigħ u skavar f’sit ta’ kostruzzjoni huma ta’ inkonvenjent għall-viċinat tal-madwar.
Għalhekk, biex nassiguraw li kull żvilupp isir bl-inqas inkonvenjent possibbli kemm għar-residenti kif ukoll għall-ambjent tal-madwar, qed inħeġġu lill-iżviluppaturi biex jippjanaw tajjeb b’timelines stabbiliti.
Kull xogħol ta’ twaqqigħ u skavar illegali li jsir bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2023, fil-lokalitajiet u t-toroq identifikati, jista’ jiġi rrappurtat lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fuq in-numri tat-telefon li ġejjin: 80049000, 20955000, jew 20955555 kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex, waqt u wara l-ħinijiet tal-uffiċċju.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hija l-Awtorità kompetenti biex tidentifika l-lokalitajiet u t-toroq fejn ma jistax isir xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar. L-MTA tirriserva d-dritt li tibdel jew temenda l-lista ta’ toroq kif jidhrilha li jkun meħtieġ.
Wieħed jista’ jara l-lista sħiħa ta’ lokalitajiet u toroq fejn huwa pprojbit xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar matul ix-xhur tas-sajf fuq is-sit elettroniku tal-MTA https://www.mta.com.mt/en/summerbreaktime2023
25 ta’ April 2023
