Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-Istandardizzazzjoni ta’ Aperturi ta’ Bini Residenzjali f’Malta.

Standardisation Windows News

Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, permezz tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-Istandardizzazzjoni ta’ Aperturi ta’ Bini Residenzjali f’Malta.

Dawn l-istandards huma r-riżultat tal-impenji ta’ Malta mal-UE biex tkun konformi mal-miżura tal-RRP MT-C [C1] – R[R2] li jirrikjedu l-introduzzjoni ta’ standards għad-dimensjonijiet tal-aperturi interni u esterni tad-djar residenzjali.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li s-sena li għaddiet, l-ERA ppubblikat l-istrateġija dwar l-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ għal Malta, strateġija biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni f’Malta li se tagħti prijorità biex jiġu stabbiliti standards għar-rimi tal-iskart għall-industrija tal-bini u biex jiġi introdott qafas regolatorju għall-immaniġġjar ta’ dan l-iskart.

“Issa qed naħdmu fuq l-introduzzjoni ta’ waħda mill-miżuri inklużi f’din l-istrateġija, jiġifieri t-twaqqif ta’ standards dwar dimensjonijiet ta’ aperturi interni u esterni ta’ residenzi residenzjali bil-għan li ninkoraġġixxu l-użu mill-ġdid tal-fittings kif ukoll innaqqsu d-diversifikazzjoni li ġġib ekonomiji ta’ skala”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Il-Ministru enfasizza li dawn l-istandards qed jiġu proposti wara konsultazzjonijiet mal-ERA, il-PA u l-BICC. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għamlet il-proċess meħtieġ għat-tfassil ta’ dawn l-istandards. Il-ħarsien ta’ dawn l-istandards għandu jkun rekwiżit essenzjali għall-ħruġ ta’ Permit ta’ Żvilupp Eżegwibbli mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Dawn l-istandards għandhom jiġu inkorporati fil-qafas regolatorju u għandu jiġi ppubblikat Avviż legali wara l-konklużjoni tal-konsultazzjoni meħtieġa flimkien ma’ dawn l-istandards.

Is-Sur Jesmond Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, qal li l-Awtorità se jkollha rwol ċentrali fit-twaqqif ta’ dawn l-istandards hekk kif se tkun qed tmexxi konsultazzjoni pubblika. Permezz ta’ dan il-proċess, l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tifhem aħjar l-opinjonijiet tal-produtturi u disinjaturi ta’ aperturi skond l-għan tal-Gvern li jistabbilixxi t-triq lejn sistema effiċjenti u effettiva tal-kostruzzjoni u maniġjar tal-iskart tal-iżvilupp.

Il-Kap Eżekuttiv saħaq li l-awtorità se tkun qed tippreżenta dokument tekniku, li jkun disponibbli online fuq bca.org.mt, biex il-pubbliku u l-istakeholders relevanti jkunu jistgħu jifformulaw opinjoni, ibbażata fuq assessjar indipendenti.

Il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali huma mħeġġa jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-bini u kostruzzjoni Konsultazzjonijiet Pubbliċi u jissottometti kummenti u suġġerimenti permezz ta’ email fuq [email protected]. Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika se jiġi fi tmiemu fit-28 ta’ Novembru 2022.