Ebda Xogħol ta’ Twaqqigħ u Skavar f’Żoni Turistiċi Matul ix-Xhur tas-Sajf

Mhux se jkun permess xogħol ta’ twaqqigħ u skavar fiż-żoni turistiċi bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2022. Din l-inizjattiva li qed tiġi kkoordinata bejn l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA), l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) tieħu f’konsiderazzjoni l-inkonvenjent li s-siti ta’ kostruzzjoni għandhom fuq il-lokal tal-madwar.

L-infurzar ta’ dan l-avviż legali (295/07) huwa mod wieħed kif jittaffa l-inkonvenjent li s-siti ta’ kostruzzjoni għandhom kemm fuq l-industrija tat-turiżmu kif ukoll fuq in-numru ta’ familji Maltin li jmorru joqogħdu fir-residenzi tas-sajf tagħhom. Il-fażijiet ta’ twaqqigħ u skavar f’sit ta’ kostruzzjoni huma bil-bosta l-akbar inkonvenjent għall-viċinat tal-madwar.

Kull xogħol ta’ twaqqigħ u skavar illegali li jsir bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2022, fil-lokalitajiet u t-toroq identifikati, jista’ jiġi rrappurtat lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fuq in-numru tat-telefon 80049000 jew fuq 99637508 (Malta) u 99098855 (Għawdex) wara l-ħinijiet tal-uffiċċju.

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hija l-Awtorità kompetenti biex tidentifika l-lokalitajiet u t-toroq fejn ma jistax isir xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar. L-MTA tirriserva d-dritt li tibdel jew temenda l-lista ta’ toroq kif jidhrilha li jkun meħtieġ.

Il-lista sħiħa ta’ lokalitajiet u toroq fejn huwa pprojbit xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar matul ix-xhur tas-sajf tinsab fuq is-sit elettroniku tal-MTA: https://www.mta.com.mt/en/summerbreaktime2022

Persuni li jixtiequ jżidu aktar toroq fil-lista għall-2023 huma mistiedna jibagħtu talbiet lill-MTA permezz tal-Kunsill Lokali rispettiv tagħhom fuq [email protected] sal-31 ta’ Awwissu 2022.