Ftuħ uffiċjali tal-uffiċini ġodda tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni

Opening BCA Offices

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA fil-Marsa. Waqt id-diskors tiegħu spjega li anke jekk l-Awtorità ilha mwaqqfa għal ftit żmien, diġà għamlet xogħol sostanzjali u qed tkompli tibni fuq dak li diġà sar.

Dr. Zrinzo Azzopardi ta rendikont tar-riformi li seħħew jew qed iseħħu fil-qasam tal-kostruzzjoni fosthom ir-regolamenti dwar l-obbligu ta’ liċenzjar ta’ twaqqigħ, skavar, u kuntratturi tal-bini u t-tibdil fir-regolamenti tal-liċenzji tal-bennejja li dwarhom għadha kif spiċċat il-konsultazzjoni pubblika. Hawnhekk saħaq li bidla importanti f’din il-liċenzja se tkun l-obbligu ta’ refresher courses biex il-bennejja jaġġornaw ruħhom mar-realtajiet tal-industrija tal-lum. Il-Ministru qal ukoll li b’riżultat tal-konsultazzjoni li saret rigward il-liċenzja tal-bennejja, il-Gvern se jkun qed iwessa’ d-diskussjoni bil-għan li jissaħħaħ il-qafas regolatorju rigward l-immaniġġjar ta’ siti ta’ kostruzzjoni.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma wkoll il-ħidma bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Università ta’ Malta biex isir l-ewwel kompendju tal-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni biex eventwalment ikunu jistgħu jikkonsolidaw il-liġijiet. Irrefera wkoll għall-ħidma li qed tagħmel l-Awtorità biex il-bini jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex jiġu aġġornati r-regolamenti dwar Energy Performance Certificates magħrufa bħala EPCs.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li l-investiment li qed tagħmel il-BCA mhux biss qed isir permezz tal-bini li ġie inawgurat illum iżda semma wkoll kif fix-xhur li ġejjin se jsir pjan qawwi ta’ investiment fis-sistema tal-IT tal-Awtorità b’nefqa ta’ bejn wieħed u ieħor €1.8 miljun. “L-impjegati tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollhom pjattaforma tal-IT aktar b’saħħitha u ambjent aktar b’saħħtu li fih jaħdmu” tenna Dr. Zrinzo Azzopardi.

Fil-kummenti konklużivi tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li t-tliet għanijiet tal-ħidma kollha tal-Awtorità jibqgħu li l-pajjiż ikollu aktar responsabbiltà, aktar serjetà, u fuq kollox kwalità aħjar fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, is-Sur Jesmond Muscat semma t-tliet pedamenti importanti li se jwasslu għas-suċċess tal-entità li jmexxi. Dawn huma l-impjegati, l-ambjent li jaħdmu fih u l-għodda li jaħdmu biha. Huwa faħħar lill-impjegati għall-input tagħhom u qal li n-numru ta’ ħaddiema se jkompli jiżdied biex is-servizz dejjem jitjieb. Is-Sur Muscat enfasizza li “bl-uffiċini l-ġodda ħloqna post tax-xogħol fejn il-ħaddiem iħossu komdu jaħdem”. Semma wkoll l-importanza tal-għodda li l-ħaddiem irid jaħdem biha u qal li fiż-żmien li ġej l-Awtorità se jkollha sistema ta’ teknoloġija avvanzata li permezz tagħha se tkun f’pożizzjoni li toffri l-aħjar servizz lill-klijenti tagħha.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Ministru Zrinzo Azzopardi u s-Sur Jesmond Muscat kixfu lapida kommemorattiva li tbierket mill-Viċi-Chaplain tal-Parroċċa tat-Trinità, il-Marsa Fr. Joe Libreri. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi dar mal-bini u ltaqa’ mal-impjegati kollha tal-Awtorità.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet pubbliċi u l-Ippjanar, is-Sur Carlos Tabone, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, is-Sur Savior Camilleri flimkien mal-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità.