L-assessuri tal-EPC żdiedu bi 30%

EPC Assessors

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għarfet il-kisbiet ta’ aktar minn 150 student li temmew kors fl-Energy Performance Rating of Dwellings in Malta (EPRDM). Il-kors wassal biex dawn l-istudenti jsiru assessuri u għalhekk jikkonsultaw mal-pubbliku dwar l-andament tal-enerġija f’bini residenzjali.

Waqt ċerimonja, l-istudenti ġew ippreżentati b’ċertifikati li ppremjawhom għax-xogħol li sar matul il-kors biex isiru assessuri ċertifikati. Dan in-numru ta’ assessuri huwa flimkien ma’ aktar minn 500 assessur, li jirriżulta fi 30% fuq in-numru ta’ assessuri li diġa qed joperaw.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi ħa pjaċir li kien hemm numru kbir ta’ nies li temmew dan il-kors biex saru assessuri u issa jistgħu jgħinu fl-effiċjenza tal-enerġija fil-bini.

Il-Ministru spjega kif din is-sena flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ġie ppubblikat abbozz aġġornat ta’ “Dokument F” għall-konsultazzjoni pubblika. Peress li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini huwa suġġett li qed jiżdied fl-importanza tiegħu, dan qed jerġa’ juri l-impenn ta’ dan il-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-istokk tal-bini f’Malta u jkompli bl-inizjattivi ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Jesmond Muscat qal li fid-dinja tal-lum, fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima qed isiru dejjem aktar evidenti, l-irwol tal-assessuri tal-Energy Performance Certificate (EPC) qed isir aktar kritiku minn qatt qabel.

L-għarfien espert ta’ dawn l-assessuri għalhekk se jkompli jagħti s-setgħa lis-sidien tad-djar biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati, inaqqsu l-impronta tal-karbonju ta’ djarhom, u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi globali mmirati lejn il-preservazzjoni tal-ambjent tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kap Eżekuttiv temm billi ħeġġeġ lill-assessuri preżenti biex iżommu ruħhom aġġornati bl-aħħar avvanzi f’teknoloġija u metodoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex ikomplu jattendu taħriġ għal dan il-għan.

B’din iż-żieda fin-numru ta’ assessuri, qed tkompli tiżdied l-opportunità li s-sidien tad-djar attwali jew bini residenzjali ġdid itejbu l-prestazzjoni tal-enerġija. Dawk li jixtiequ jużaw is-servizz ta’ assessuri kwalifikati jistgħu jsibu lista fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni: www.bca.org.mt.