Applikazzjonijiet għall-bennejja biex iġeddu l-liċenzja jew japplikaw għal waħda ġdida

picture of a builder

Applikazzjonijiet ġodda għall-bennejja li jixtiequ jġeddu l-liċenzja jew japplikaw għal waħda ġdida.

Matul dawn l-aħħar xhur l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni flimkien mal-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja kienet għaddejja b’ħidma intensiva sabiex nhar it-Tnejn 17 ta’ Frar tibda tilqa’ applikazzjonijiet ġodda u anke applikazzjonijiet ta’ tiġdid mingħand il-bennejja sabiex jiksbu jew iġeddu l-applikazzjoni tagħhom rispettivament.

Dawn l-applikazzjonijiet ser idumu miftuħa sat-2 ta’ Marzu u jistgħu jsiru biss billi wieħed jidhol fil-website tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni www.bca.gov.mt.

Dawk interessati li japplikaw, minbarra li jintalbu d-dettalji personali, ser ikunu mitluba

1. Kopja tal-Karta tal-Identità jew Permess ta’ Residenza miż-żewġ naħat
2. Kopja tar-ritratt daqs tal-Passaport
3. Kopja tal-kondotta tal-pulizija maħruġa mhux aktar tard minn xahrejn mis-sottomissjoni tad-data tal-applikazzjoni

Fejn l-applikant ma jkunx persuna abitwalment residenti f’Malta, għandu jiġi pprovdut minflok dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti tal-pajjiż tar-residenza abitwali.

L-applikazzjoni toffri lil dawk interessati li jagħzlu fejn jixtiequ jagħmlu l-kors u f’liema data jixtiequ li jattendu. Ġaladarba tintgħażel id-data din ma tkunx tista’ tinbidel. Dawk li japplikaw huma obbligati li jattendu għal sessjoni minn kull suġġett tal-kors.

Is-suġġetti jvarjaw bejn saħħa u sigurtà, liġijiet applikabbli, ġeometrija u strutturi tal-konkrit.

Wara dan il-proċess dawk il-persuni li applikaw sabiex iġibu liċenzja għall-ewwel darba jridu mhux biss li jattendu għall-kors obligatorju iżda wkoll ipoġġu għall-eżami tat-teorija u l-prattika. L-eżami tat-teorija ser isir fil-perjodu bejn il-21 u s-26 ta’ April 2025, u dak tal-prattika ser isir bejn l-5 u s-17 ta’ Mejju 2025.

Dan il-proċess huwa parti minn riforma oħra bil-għan li ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li huma parti minn dan is-settur, il-benesseri tat-terzi li jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni u kif ukoll dawk kollha li se jkunu qegħdin jinvestu fi propjetà.