Emendi għal-leġiżlazzjoni attwali biex jissaħħaħ l-obbligu ta’ obbligazzjoni u assigurazzjoni f’siti ta’ kostruzzjoni fl-interess ta’ partijiet terzi u impjegati

Persons in a meeting room, including the Minister Jonathan Attard

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat, ippreżentaw numru ta’ emendi leġiżlattivi li jitrattaw diversi avviżi legali relatati mal-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Dawn l-emendi se jkomplu jgħollu l-istandards u jistabbilixxu responsabbiltà ċara fl-interess ta’ terzi persuni u l-impjegati li qed jaħdmu fuq il-post.

“Dawn l-interventi leġiżlattivi jsegwu diversi interventi oħra li saru f’dawn l-aħħar snin u jiġu qabel oħrajn li se jitwettqu fiż-żmien li ġej biex bħala gvern inkomplu ngħollu l-istandards fil-qasam tal-kostruzzjoni, niċċaraw aktar ir-responsabbiltà, u nagħtu serħan il-moħħ lil kull min jista’ jintlaqat”, qal il-Ministru Attard.

Dawn l-emendi issa se jeħtieġu siti awtonomi, li ma jidħlux fuq proprjetajiet ta’ partijiet terzi, biex jissodisfaw kundizzjonijiet legali speċifiċi rigward it-tul ta’ żmien u ħinijiet, il-hoarding, it-trab, l-istorbju, l-indafa tal-madwar, il-bankini, it-toroq, l-avviżi tas-sit, u jeħtieġu wkoll kopertura tal-assigurazzjoni. Sal-lum, siti awtonomi, mhumiex meħtieġa li jissodisfaw dawn l-istandards.

Dan ikun ifisser li ma tinħariġx clearance/acceptance notice mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni jekk ma jkunx hemm assigurazzjoni viġenti u d-dokumentazzjoni tagħha tiġi sottomessa lill-Awtorità. F’każ ta’ ksur ta’ xi kondizzjonijiet li tipprovdi l-liġi, l-istess Awtorità tkun tista’ tintervjeni billi twaqqaf ix-xogħol u timponi sanzjoni.

Bl-emendi gradwali li qed jiġu implimentati fir-regolamenti, l-Awtorità qed tkompli tassumi rwol akbar, fosthom fejn jidħol l-iżvilupp ta’ siti awtonomi.

“B’din il-bidla fil-liġi, estendejna l-obbligu tal-assigurazzjoni anke fuq siti magħrufa bħala stand-alone, biex nagħtu serħan il-moħħ lil kull terza persuna li tista’ ssofri danni. Fl-istess waqt saħħaħna l-obbligu li jkun hemm Assigurazzjoni tal-Obbligazzjoni ta’ min iħaddem, b’tali mod li dawk l-impjegaturi li lmentaw li ma jistgħux isibu servizz ta’ assigurazzjoni, jassumu responsabbiltà ċara fil-liġi, inkluż meta joperaw ma’ kumpanija”, qal il-Ministru Attard.

Emenda oħra hija li f’każijiet fejn id-detentur tal-liċenzja u l-impjegatur mhux se jkollhom polza ta’ assigurazzjoni li tkopri lill-impjegat, lill-persuna, jew lill-kumpannija flimkien mad-diretturi u dawk in-nies li jmexxu l-istess kumpanija se jinżammu ċivilment responsabbli għal kull danni jew ħsara li jsofri ħaddieħor jew impjegat li jaħdem mal-istess persuna jew kumpanija. Dan se jwassal għal aktar standards fis-settur u fuq kollox għal rimedju aktar effettiv u effiċjenti għall-impjegati u l-qraba tagħhom f’każ ta’ korriment jew mewt. Il-Ministru Attard temm jgħid li l-iżgurar tal-benesseri u s-sikurezza tal-ħaddiema huwa ta’ importanza kbira. Għalhekk, kien hemm bżonn li l-liġijiet jiggarantixxu li jekk ħaddiem iweġġa’ jew jitlef ħajtu, u wara li l-proċeduri legali jikkonfermaw l-intitolament tiegħu għad-danni, ikollu ċans aħjar li jirċievi kumpens. Din il-miżura għandha l-għan li ma tħallix ħaddiema u l-familji tagħhom jitħallew mingħajr rimedju minħabba n-nuqqas ta’ assi ta’ kumpanija biex tkopri d-danni.