Il-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ltaqa’ għall-ewwel darba wara li reġa’ nħatar u ħatar lill-Perit Roderick Bonnici bħala l-Aġent Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħa l-okkażjoni biex jiltaqa’ mal-membri tal-bord u feraħ lill-Perit Bonnici għall-ħatra tiegħu fi ħdan din l-Awtorità li qed tkompli tistabbilixxi rwol aktar b’saħħtu fis-settur tal-kostruzzjoni.
“Il-ħatra tal-Perit Bonnici qed issir fi żmien meta se jsir proċess ta’ ristrutturar fi ħdan l-Awtorità, b’tali mod li din tkompli tirrispondi b’mod aktar effettiv u twettaq l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħolli l-istandards fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont il-manifest elettorali u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika,” qal il-Ministru Jonathan Attard.
Il-Perit Bonnici, li kien kap tat-taqsima li tapprova l-applikazzjonijiet għall-permessi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, huwa gradwat b’Baċellerat fl-Inġinerija u l-Arkitettura u kkwalifikat ukoll b’Masters fil-Project Management mill-Università ta’ Malta.
Kien diġà ta kontribut sostanzjali fit-Taqsima tal-Infurzar tar-Regolamenti tal-Bini tal-Uffiċċju fi ħdan l-Awtorità u fit-taqsima li tkopri l-evitar ta’ danni lil terzi persuni. Qabel kien jaħdem ukoll fil-qasam tal-infrastruttura ma’ aġenzija pubblika u fil-qasam tal-kostruzzjoni fuq proġetti privati kif ukoll pubbliċi.
