Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard nieda helpline ġdid li jservi bħala punt ta’ referenza 24/7 għall-materji kollha relatati mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Mil-lum, aġenti mħarrġa professjonalment se jkunu disponibbli biex jidderieġu s-sejħiet taċ-ċittadini lill-awtoritajiet rispettivi.
“Din hija inizjattiva oħra minn sensiela ta’ riformi u servizzi li ħabbarna u li se nkomplu nħabbru fil-ġimgħat li ġejjin biex inkomplu ngħollu l-istandards fil-qasam tal-kostruzzjoni. Din il-helpline ġdida hija wkoll konferma tal-impenn tagħna li nagħtu vuċi aktar b’saħħitha u effettiva lill-ħaddiema u lil dawk milquta mis-settur tal-kostruzzjoni,” qal il-Ministru Jonathan Attard f’konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru kompla billi rringrazzja lis-Sinjura Isabelle Bonnici li kienet preżenti għat-tnedija ta’ dan is-servizz. Spjega kif żamm kuntatt regolari mas-Sinjura Bonnici fosthom dwar servizzi oħra li għaddej xogħol fuqhom.
Dan il-kuntatt wassal biex ġie identifikat in-numru li ntuża għal din il-helpline: 138, b’tifkira tad-data tat-twelid tal-mibki Jean Paul Sofia li għeluq sninu kien fit-13 ta’ Awwissu.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li jemmen li x-xogħol li qed isir fuq ir-riformi f’dan il-qasam għandu jsir b’tifkira tal-vittmi kollha u l-familji tagħhom, madankollu personalment ħass li dan is-servizz partikolari għandu jfakkar il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia.
“Din il-helpline hija waħda minn ħames inizjattivi immedjati li tħabbru fl-aħħar ta’ Frar. Wara din it-tnedija, il-liġi l-ġdida tal-OHSA, u s-servizz b’xejn minn avukati u periti biex jassistu terzi persuni milquta mill-kostruzzjoni – li se titnieda dalwaqt – fi żmien sitt xhur inkunu wettaqna l-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-inizjattivi”, temm jgħid il-Ministru.
Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv tal- Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, spjegat li l-Awtorità, b’kollaborazzjoni ma’ servizz.gov, stabbilixxiet kuntatt ta’ emerġenza fejn l-aġent servizz.gov, se jkun jista’ jidentifika sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli (bħal ħaddiema li jaħdmu fuq pont mingħajr ilbies protettiv jew każijiet ta’ periklu serju fejn jintużaw vetturi fuq il-bjut) u jgħaddihom direttament lil din il-linja għal azzjoni immedjata.
Bl-istess mod, il-helpline għandu jservi biex l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tkompli ssaħħaħ l-aspett regolatorju u ta’ infurzar tal-ħidma tagħha. L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici elenka numru ta’ servizzi li se jkunu koperti mil-linja ta’ appoġġ 138. Dawn jinkludu mistoqsijiet relatati ma’ regolamenti dwar l-evitar ta’ ħsara fuq proprjetà ta’ terzi persuni, regolamenti dwar il-ġestjoni tas-sit, Ċertifikati dwar ir-Rendiment tal-Enerġija u l-liċenzjar ta’ bennejja u kuntratturi.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tas-Servizz.gov s-Sur Massimo Vella, is-Sur Emanuel Grech mill-Information Management Unit tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, u impjegati miż-żewġ awtoritajiet.
Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-uffiċini tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bil-Ministru Jonathan Attard isellem il-memorja tal-inġinier Robert Schembri, membru dedikat tal-bord tal-BCA, li tilef ħajtu traġikament fi tmiem il-ġimgħa.
