Ġiet imnedija l-proċedura għall-applikazzjonijiet ġodda tal-Liċenzja tal-Bennej

Procedure for new applications of the Mason's License has been launched

Il-Kumitat tal-Liċenzji tal-Bennejja jixtieq jinforma lill-applikanti ġodda li applikaw għal-liċenzja tal-Bennejja li l-proċess ġie mniedi.

Din hija riforma oħra maħsuba biex ittejjeb is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li huma parti minn dan is-settur, il-benesseri ta’ terzi fi ħdan siti ta’ kostruzzjoni kif ukoll ta’ dawk kollha li se jkunu qed jinvestu fil-proprjetà.

Il-liċenzja tinkiseb permezz ta’ erba’ stadji differenti, fosthom laqgħat informattivi u edukattivi, sessjonijiet, u eżamijiet.

Fil-15 ta’ Ottubru se jsiru żewġ laqgħat ta’ informazzjoni, bil-Malti u bl-Ingliż, biex jiġi spjegat il-proċess li se jintuża biex tinkiseb din il-liċenzja kif ukoll biex jinkiseb aktar għarfien dwar l-eżamijiet li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-laqgħa bl-Ingliż se ssir fl-4:00 p.m., filwaqt li l-laqgħa bil-Malti se ssir dakinhar stess fis-6:00 p.m. Il-Kumitat flimkien mal-Awtorità jirrakkomanda lill-applikanti kollha biex jattendu għal dawn il-laqgħat li se jsiru fl-Iskola Primarja Maria Reġina fil-Qawra.

L-applikanti jkunu obbligati wkoll li jattendu erba’ sessjonijiet ta’ tagħlim bi tħejjija għall-eżamijiet in konnessjoni mal-kisba tal-liċenzja. Dawn is-sessjonijiet ta’ tagħlim se jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni bażika dwar il-ħiliet u l-għarfien li jkunu meħtieġa fl-eżamijiet. Is-sessjonijiet se jsiru bejn it-22 u s-26 ta’ Ottubru, u se jkunu pprovduti kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, skont ix-xewqa tal-applikant.

Dawk kollha li attendew għas-sessjonijiet ta’ tagħlim obbligatorju mbagħad jintalbu jagħmlu żewġ eżamijiet, wieħed bil-miktub u wieħed fil-prattika. L-użu tal-mowbajls mhux se jkun permess għal dawn iż-żewġ eżamijiet.

Il-persuni kollha li kienu applikaw biex jiksbu din il-liċenzja qed jirċievu ittra bid-dettalji kollha meħtieġa. Dawk li għal xi raġuni ma rċevewx din l-ittra, għandhom jikkuntattjaw minnufih lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).

“Din hija ħolqa oħra f’katina ta’ riformi li l-Gvern qed iwettaq fil-qasam tal-kostruzzjoni, li se jwasslu għal standards ogħla f’dan il-qasam”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tal-Qasam tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard b’rabta ma’ dawn l-iżviluppi li se jwasslu biex l-Awtorità jkollha għall-ewwel darba rendikont ta’ dawk li huma bennejja liċenzjati u tkun tista’ tgħin liċ-ċittadini jsibu lil dawk li huma bennejja liċenzjati.

L-Aġent Kap Eżekuttiv, il-Perit Roderick Bonnici, qal li l-Awtorità flimkien mal-Kumitat qed jaħdmu biex il-proċessi kollha biex jinkiseb il-liċenzjar tal-bennejja u anke tal-kuntratturi, ikunu rigorużi u effiċjenti.

Il-bennejja interessati għandhom jipprovdu kopja tal-Karta tal-Identità tagħhom lill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni sat-Tlieta 15 ta’ Ottubru. Min ma jagħtix din il-kopja jitqies li mhux interessat li jkompli bl-applikazzjoni tiegħu għal din il-liċenzja. Min ma jagħtix din il-kopja jitqies li mhux interessat li jkompli bl-applikazzjoni tiegħu għal din il-liċenzja.

Sadanittant, kull min jeħtieġ aktar informazzjoni għandu jċempel lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fuq in-numru 138.